{"id":3627,"date":"2026-11-20T11:04:05","date_gmt":"2026-11-20T10:04:05","guid":{"rendered":"https:\/\/katekezi.mt\/lil-min-qeghdin-infittxu\/"},"modified":"2026-11-20T11:04:05","modified_gmt":"2026-11-20T10:04:05","slug":"lil-min-qeghdin-infittxu","status":"publish","type":"post","link":"https:\/\/katekezi.mt\/mt\/lil-min-qeghdin-infittxu\/","title":{"rendered":"Lil min qeg\u0127din infittxu?"},"content":{"rendered":"\n<h3 class=\"wp-block-heading\"><strong>Is-sej\u0127a tal-katekist illum<\/strong><\/h3>\n\n<p>Nixtieq nibda din ir-riflessjoni billi nag\u0127mlilkom l-istess stedina li g\u0127amel il-Papa Ljun XIV fl-Assemblea Djo\u010besana ta\u2019 Ruma, ftit \u0121img\u0127at ilu. Nid\u0127lu fil-\u0121rajja rrakkunata fl-Evan\u0121elju skont San \u0120wann: fl-ewwel jum tal-\u0121img\u0127a, kmieni filg\u0127odu, meta kien g\u0127adu d-dlam, fil-\u0121nien fejn jinsab il-qabar ta\u2019 \u0120es\u00f9. Hemmhekk insibu lil Marija ta\u2019 Magdala. Hija waslet kmieni \u0127afna, meta d-dawl kien g\u0127adu ma fe\u0121\u0121x g\u0127al kollox. \u0120iet tfittex lil \u0120es\u00f9, i\u017cda ma sabitux. Il-qabar kien vojt. U Marija tibda tibki.<\/p>\n\n<p><strong>Fil-\u0121nien, mas-seb\u0127 tal-G\u0127id<\/strong><\/p>\n\n<p>Id-dlam li kienet tinsab fih Marija ma kienx biss id-dlam tal-lejl li kien g\u0127adu ma spi\u010b\u010bax. Kien id-dlam ta\u2019 persuna li tilfet lil xi \u0127add li kienet t\u0127obb, ta\u2019 persuna li qed tfittex u ma ssibx, ta\u2019 persuna li ma tafx aktar x\u2019se tag\u0127mel jew fejn se tmur. \u0120es\u00f9 kien dak li kien bidlilha \u0127ajjitha, kien dak li kien taha tama \u0121dida, u issa kien jidher li kollox spi\u010b\u010ba.<\/p>\n\n<p>Imma l-Evan\u0121elju jurina li ma baqg\u0127etx wa\u0127edha fid-dwejjaq tag\u0127ha. Jersaq lejha \u0120es\u00f9 Rxoxt, g\u0127alkemm hi ma tag\u0127rfux. Ta\u0127seb li huwa l-\u0121ardinar. U \u0120es\u00f9 jag\u0127mlilha \u017cew\u0121 mistoqsijiet: \u201cG\u0127alfejn qieg\u0127da tibki? Lil min qieg\u0127da tfittex?\u201d (\u0120w 20:15).<\/p>\n\n<p>Dawn huma \u017cew\u0121 mistoqsijiet sempli\u010bi, i\u017cda mimlijin tifsira. U nixtieq li llum in\u0127alluhom jid\u0127lu fil-qalb tag\u0127na b\u0127ala katekisti, u nikkon\u010bentraw spe\u010bjalment fuq it-tieni wa\u0127da: \u201cLil min qeg\u0127din infittxu?\u201d<\/p>\n\n<p>G\u0127ax din hija mistoqsija li tmur direttament fil-qalba tal-vokazzjoni tag\u0127na. Meta na\u0127sbu fil-ministeru tag\u0127na b\u0127ala katekisti, fa\u010bilment mo\u0127\u0127na jmur lejn dak kollu li nag\u0127mlu. Na\u0127sbu fil-preparazzjoni tal-lezzjonijiet, fil-programmi, fil-laqg\u0127at, fil-kotba, fl-attivitajiet, fil-komunikazzjoni mat-tfal kif ukoll mal-\u0121enituri u fil-\u0127afna responsabbiltajiet li g\u0127andna. U dawn kollha huma affarijiet importanti. I\u017cda llum \u0120es\u00f9 mhux qed jistaqsina kemm g\u0127amilna affarijiet, kemm-il lezzjoni tajna jew kemm-il tifel u tifla g\u0127addew minn idejna. Qed jag\u0127mlilna mistoqsija \u0127afna aktar fundamentali: Lil min qeg\u0127din infittxu? <\/p>\n\n<p>Illum nieqfu ftit u nag\u0127rfu li, qabel ma a\u0127na katekisti, a\u0127na dixxipli. Qabel ma ng\u0127allmu dwar \u0120es\u00f9, a\u0127na msej\u0127in biex niltaqg\u0127u mieg\u0127u. Qabel ma nwasslu lit-tfal g\u0127and \u0120es\u00f9, irridu nkunu a\u0127na stess nies li nfittxuh, li nisimg\u0127u le\u0127nu u li n\u0127alluh imexxina.<\/p>\n\n<p>Jista\u2019 ji\u0121ri li, ming\u0127ajr ma ninteb\u0127u, insiru tant impenjati nag\u0127mlu l-affarijiet g\u0127al \u0120es\u00f9 li ma jibqg\u0127alniex \u0127in biex inkunu ma\u2019 \u0120es\u00f9 \u2013 b\u0127al Marta u Marija, wa\u0127da kienet qed ta\u0127dem u tirsisti g\u0127al \u0120es\u00f9, u l-o\u0127ra qag\u0127det f\u2019ri\u0121lejh mieg\u0127u. Nistg\u0127u nkunu qed nitkellmu dwaru, i\u017cda ma nkunux qed nisimg\u0127uh. Nistg\u0127u nkunu qed ng\u0127allmu lit-tfal jitolbu, i\u017cda forsi t-talb tag\u0127na stess ikun sar biss drawwa. Nistg\u0127u nkunu qed nispjegaw l-Evan\u0121elju, i\u017cda forsi l-Evan\u0121elju ma jibqax imissilna qalbna u ma jibqax jisfidana.<\/p>\n\n<p>G\u0127alhekk, din il-mistoqsija g\u0127andha tkun il-punt tat-tluq tar-riflessjoni tag\u0127na: Lil min qed infittxu fil-ministeru tag\u0127na? Qed infittxu lil \u0120es\u00f9 jew forsi qed infittxu l-aktar li nwettqu l-\u0127idma g\u0127alih b\u2019dak kollu li huwa mistenni minna?<\/p>\n\n<p><strong> \u201cG\u0127alfejn qieg\u0127da tibki?\u201d \u2013 Il-verit\u00e0 dwar il-qalb tal-katekista<\/strong><\/p>\n\n<p>L-ewwel mistoqsija li \u0120es\u00f9 jag\u0127mel lil Marija hija: \u201cG\u0127alfejn qieg\u0127da tibki?\u201d Hija mistoqsija li turina kemm \u0120es\u00f9 jinteressah mill-qalb tal-bniedem. Qabel ma jag\u0127tiha spjegazzjoni dwar dak li \u0121ara, qabel ma jg\u0127idilha li qam mill-imwiet, \u0120es\u00f9 jersaq lejha u jag\u0127tiha l-opportunit\u00e0 tesprimi dak li qed t\u0127oss.<\/p>\n\n<p>\u0120es\u00f9 ma jinjorax it-tbatija tag\u0127ha. Ma jg\u0127idilhiex \u201cieqaf ibki\u201d, ma jg\u0127idilhiex biex ma tibqax imdejqa. Huwa jiltaqa\u2019 mag\u0127ha proprju fil-mument tad-dwejjaq tag\u0127ha.<\/p>\n\n<p>ll-mistoqsija ta\u2019 \u0120es\u00f9 lil Marija nistg\u0127u ndawruha wkoll lejna nfusna. X\u2019qed i\u0121\u0121orr qalbi? Forsi hemm g\u0127eja li ilha tin\u0121ema\u2019. Forsi hemm di\u017cappunt g\u0127ax wara tant snin ta\u2019 servizz ma narax il-frott li kont nistenna. Forsi n\u0127oss li t-tfal tal-lum huma differenti \u0127afna minn dawk ta\u2019 qabel, li l-\u0121enituri mhux dejjem jappo\u0121\u0121jawna, u li l-fidi m\u2019g\u0127adhiex ting\u0127ata l-istess importanza fil-familji.<\/p>\n\n<p>Forsi hemm ukoll xi dwejjaq li ma nitkellmux dwarhom. Niftakru fi tfal li g\u0127addew mill-klassijiet tag\u0127na, li r\u010bevew is-sagramenti, i\u017cda llum tbieg\u0127du mill-Knisja. Nistaqsu lilna nfusna jekk dak kollu li g\u0127amilna kellux tassew sens. Kultant nistg\u0127u n\u0127ossuna li qed na\u0127dmu \u0127afna, i\u017cda ftit li xejn qed naraw ri\u017cultati.<\/p>\n\n<p>\u0120es\u00f9 ma jitlobniex na\u0127bu dawn is-sentimenti. Ma jitlobniex nippretendu li kollox miexi tajjeb. Huwa jistedinna nkunu onesti quddiemu, g\u0127ax il-kateketista li jag\u0127raf id-dg\u0127ufija tieg\u0127u jista\u2019 jsir persuna aktar umana, aktar sensittiva u aktar kapa\u010bi tifhem lil dawk li g\u0127andha quddiemha.<\/p>\n\n<p><strong>\u201cLil min qieg\u0127da tfittex?\u201d \u2013 Qabel ma ng\u0127allmu, irridu niltaqg\u0127u ma\u2019 \u0120es\u00f9<\/strong><\/p>\n\n<p>Ner\u0121g\u0127u lura g\u0127all-mistoqsija ewlenija: \u201cLil min qieg\u0127da tfittex?\u201d Huwa interessanti li \u0120es\u00f9 jag\u0127mel din il-mistoqsija lil Marija proprju meta hija tkun qed tfittxu. Marija mhijiex persuna indifferenti. Mhijiex persuna li nsiet lil \u0120es\u00f9. G\u0127all-kuntrarju, hija marret \u0127dejn il-qabar g\u0127ax kienet t\u0127obbu. I\u017cda kienet g\u0127adha ma fehmitx li r-relazzjoni tag\u0127ha ma\u2019 \u0120es\u00f9 trid tinbidel. Ma tistax tibqa\u2019 tfittex lil \u0120es\u00f9 b\u0127ala persuna li tilfet, i\u017cda trid tiltaqa\u2019 mieg\u0127u b\u0127ala l-\u0126aj, dak li reba\u0127 il-mewt.<\/p>\n\n<p>Din hija stedina importanti g\u0127alina wkoll. Forsi a\u0127na qed infittxu lil \u0120es\u00f9, i\u017cda kultant infittxuh f\u2019affarijiet li, g\u0127alkemm huma tajbin, mhumiex i\u010b-\u010bentru tal-vokazzjoni tag\u0127na.<\/p>\n\n<p>Forsi nfittxuh fis-su\u010b\u010bess tal-klassi, fil-fatt li t-tfal i\u0121ibu ru\u0127hom tajjeb, fil-lezzjoni li tkun \u0127ar\u0121et perfetta jew fl-apprezzament tal-\u0121enituri. Forsi n\u0127ossuna sodisfatti meta xi \u0127add jirrikonoxxi x-xog\u0127ol tag\u0127na jew meta l-attivit\u00e0 li organizzajna tkun irnexxiet. Dawn huma affarijiet sbie\u0127 u g\u0127andhom il-valur tag\u0127hom, i\u017cda ma jistg\u0127ux jie\u0127du post \u0120es\u00f9.<\/p>\n\n<p>Il-Papa jfakkarna li kull inizjattiva pastorali g\u0127andha tibda mhux tant mill-mistoqsija \u201cX\u2019se nag\u0127mlu?\u201d, i\u017cda mill-mistoqsija \u201cMa\u2019 min irridu niltaqg\u0127u? Kif se ng\u0127inu lill-o\u0127rajn jiltaqg\u0127u mieg\u0127u?\u201d<\/p>\n\n<p>Din hija bidla importanti fil-mod kif nifhmu l-kateke\u017ci. Il-kateke\u017ci mhijiex sempli\u010bement it-twassil ta\u2019 tag\u0127rif reli\u0121ju\u017c. Mhijiex biss li t-tfal jitg\u0127allmu t-talb, il-kmandamenti, l-istorja tas-salvazzjoni jew it-tag\u0127lim tal-Knisja. Dawn kollha huma importanti u me\u0127tie\u0121a \u2013 u nafu kemm hi kbira l-injoranza reli\u0121ju\u017ca anke fost il-kbar, bi\u017c\u017cejjed tara l-kummenti fuq il-media so\u010bjali. I\u017cda l-g\u0127an a\u0127\u0127ari huwa li t-tfal jiltaqg\u0127u ma\u2019 persuna: \u0120es\u00f9 Kristu.<\/p>\n\n<p>Mhux bi\u017c\u017cejjed li t-tifel jew tifla jkunu jafu min kien \u0120es\u00f9. Irridu ng\u0127inuhom jiskopru li \u0120es\u00f9 huwa \u0127aj, li j\u0127obbhom, li jaf isimhom u li jixtieq ikun parti mill-\u0127ajja tag\u0127hom. Mhux bi\u017c\u017cejjed li jitg\u0127allmu dwar it-talb. Irridu ng\u0127inuhom jiskopru li jistg\u0127u jitkellmu ma\u2019 Alla b\u0127ala ma\u2019 Missier li j\u0127obbhom. Mhux bi\u017c\u017cejjed li t-tfal ikunu jafu x\u2019inhi l-quddiesa. Irridu ng\u0127inuhom jiskopru li fl-Ewkaristija niltaqg\u0127u ma\u2019 \u0120es\u00f9 li jag\u0127ti \u0127ajtu g\u0127alina. I\u017cda dan kollu ma jistax ise\u0127\u0127 jekk a\u0127na stess ma nkunux qed ng\u0127ixu din ir-relazzjoni.<\/p>\n\n<p>G\u0127alhekk, kull wie\u0127ed u wa\u0127da minna rridu nistaqsu lilna nfusna jekk  a\u0127niex nag\u0127tu spazju lil \u0120es\u00f9 fil-\u0127ajja tag\u0127na. Li nieqfu fis-skiet, li naqraw l-Evan\u0121elju mhux biss biex nippreparaw lezzjoni imma biex nisimg\u0127u x\u2019qed jg\u0127idilna, li noqog\u0127du quddiem \u0120es\u00f9 Ewkaristija u ng\u0127idulu sempli\u010bement, fi kliem San \u0120or\u0121 Preca: \u201cSinjur Alla, inti hawn u jiena fik\u201d (Is-Sakrarju tal-Ispirtu ta\u2019 Kristu).<\/p>\n\n<p>Forsi g\u0127andna b\u017conn ner\u0121g\u0127u niskopru l-fer\u0127 li nkunu quddiem Alla ming\u0127ajr ma jkollna g\u0127alfejn nitolbuh xi \u0127a\u0121a, ming\u0127ajr ma nkunu qed nippreparaw xi \u0127a\u0121a g\u0127all-o\u0127rajn. Sempli\u010bement inkunu mieg\u0127u. G\u0127ax ma nistg\u0127ux nag\u0127tu dak li a\u0127na stess ma nkunux qed nir\u010bievu. Ma nistg\u0127ux ng\u0127inu lit-tfal jiskopru l-fer\u0127 tal-Evan\u0121elju jekk a\u0127na stess ma nkunux qed in\u0127allu l-Evan\u0121elju jimla lil \u0127ajjitna.<\/p>\n\n<p><strong> \u201cMarjam!\u201d \u2013 Il-fer\u0127 li nkunu mag\u0127rufin u msej\u0127in b\u2019isimna<\/strong><\/p>\n\n<p>Fil-\u0121rajja tal-G\u0127id hemm mument tassew sabi\u0127 u sinifikanti. Marija ma tag\u0127rafx lil \u0120es\u00f9. Tarah, titkellem mieg\u0127u, i\u017cda g\u0127adha ma tag\u0127rafx min hu. Imbag\u0127ad \u0120es\u00f9 jg\u0127id kelma wa\u0127da biss: \u201cMarjam!\u201d (\u0120w 20:16)<\/p>\n\n<p>U f\u2019dak il-mument kollox jinbidel. Ma kienx hemm diskors twil jew spjegazzjoni kumplikata. \u0120es\u00f9 sempli\u010bement isej\u0127ilha b\u2019isimha, u Marija tag\u0127rfu.<\/p>\n\n<p>Hawnhekk niltaqg\u0127u ma\u2019 verit\u00e0 sabi\u0127a dwar il-fidi tag\u0127na. A\u0127na ma a\u0127niex sempli\u010bement nies li jemmnu f\u2019Alla li jafna b\u2019mod \u0121enerali. A\u0127na nies li Alla jafna personalment, li j\u0127obbna u li jsej\u0127ilna b\u2019isimna. Alla ma jarax biss folla ta\u2019 nies jew grupp ta\u2019 fidili. Huwa jara lil kull wie\u0127ed u wa\u0127da minna bl-istorja tag\u0127na, bil-fer\u0127 tag\u0127na, bil-\u0121rie\u0127i tag\u0127na u bit-tamiet tag\u0127na.<\/p>\n\n<p>Din hija esperjenza li a\u0127na katekisti g\u0127andna b\u017conn ng\u0127ixu. Forsi \u0127afna minna ilna snin naqdu fil-kateke\u017ci. G\u0127andna esperjenza, nafu l-programmi, nafu l-klassijiet u nafu kif nippreparaw il-lezzjonijiet. I\u017cda qatt ma rridu ninsew li l-vokazzjoni tag\u0127na mhijiex sempli\u010bement ri\u017cultat tad-de\u010bi\u017cjoni tag\u0127na li nag\u0127mlu xi \u0127a\u0121a tajba g\u0127all-o\u0127rajn. Hija twe\u0121iba g\u0127al sej\u0127a.<\/p>\n\n<p>Alla sejja\u0127 lil kull wie\u0127ed u wa\u0127da minna b\u2019isimna. U forsi llum g\u0127andna b\u017conn ner\u0121g\u0127u niftakru g\u0127aliex g\u0127edna iva. Jista\u2019 jkun li xi \u0127add \u0127ajjarna nkunu katekisti. Forsi \u0127assejna li kellna xi \u0127a\u0121a x\u2019nag\u0127tu. Jista\u2019 jkun li konna g\u0127addejjin minn esperjenza spiritwali li qanqlitna. Jew sempli\u010bement ridna nag\u0127tu kontribut lill-komunit\u00e0 tag\u0127na. I\u017cda lil hinn minn dawn ir-ra\u0121unijiet kollha, kien hemm Alla li sej\u0127ilna.<\/p>\n\n<p>U jekk illum g\u0127adna hawn, minkejja l-g\u0127eja li kultant in\u0127ossu u d-diffikultajiet, huwa importanti li niftakru li Alla g\u0127adu jsej\u0127ilna. Huwa ma sej\u0127ilniex g\u0127ax a\u0127na perfetti. Altru. Huwa sejja\u0127 lil Pietru minkejja d-dg\u0127ufija tieg\u0127u, lil Tumas minkejja d-dubji tieg\u0127u, u lil Mattew minkejja l-passat tieg\u0127u. Hu ma sej\u0127ilniex.g\u0127ax nafu kollox jew g\u0127ax dejjem g\u0127andna t-twe\u0121ibiet. Sej\u0127ilna g\u0127ax jafna, i\u0127obbna u jaf li, bl-g\u0127ajnuna tal-grazzja tieg\u0127u, nistg\u0127u nkunu strumenti f\u2019idejh. Dak li jrid minna mhuwiex il-perfezzjoni, imma qalb miftu\u0127a u rieda li nfittxu dejjem lilu u nibqg\u0127u mexjin warajh.<\/p>\n\n<p>Nixtieq niftakru hawn fi \u0121rajja verament sabi\u0127a fil-\u0127ajja ta\u2019 \u0120es\u00f9 meta xi \u0127add fittex bil-\u0127erqa lil \u0120es\u00f9 u sab li \u0120es\u00f9 kien qieg\u0127ed ifittex lilu \u2013 il-\u0121rajja ta\u2019 \u017bakkew. Ried jara lil \u0120es\u00f9, g\u0127eleb l-ostaklu tal-folla, tela ma\u2019 si\u0121ra tat-tin selva\u0121\u0121, u hemm sab li g\u0127ajnejn \u0120es\u00f9 kienu qed i\u0127arsu lejh, u hemm sema\u2019 l-istedina: \u201c\u017bakkew, isa, in\u017cel minn hemm g\u0127ax illum je\u0127tie\u0121li noqg\u0127od g\u0127andek\u201d (Lq 19:5). Lilu wkoll sejja\u0127lu b\u2019ismu, u l-laqg\u0127a tag\u0127hom kienet laqg\u0127a li \u0121abet trasformazzjoni s\u0127i\u0127a.<\/p>\n\n<p><strong>Minn persuni li jiltaqg\u0127u ma\u2019 Kristu g\u0127al persuni li jo\u0127olqu komunit\u00e0<\/strong><\/p>\n\n<p>Meta Marija ta\u2019 Magdala tag\u0127raf lil \u0120es\u00f9, ma tibqax wieqfa \u0127dejn il-qabar. Hija tmur g\u0127and id-dixxipli u t\u0127abbrilhom: \u201cRajt lill-Mulej!\u201d (\u0120w 20:18).<\/p>\n\n<p>Il-laqg\u0127a tag\u0127ha ma\u2019 \u0120es\u00f9 ma tibqax esperjenza privata. Issir missjoni, issir xhieda u ssir a\u0127bar tajba g\u0127all-o\u0127rajn. Marija tifhem li dak li g\u0127exet ma tistax i\u017c\u017commu g\u0127aliha biss. Trid taqsam il-fer\u0127 tag\u0127ha. <\/p>\n\n<p>Dan jg\u0127idilna xi \u0127a\u0121a fundamentali dwar il-kateke\u017ci. A\u0127na ma nistg\u0127ux inkunu kuntenti biss li nwasslu l-lezzjoni tag\u0127na, nag\u0127lqu l-ktieb u nibag\u0127tu lit-tfal id-dar. Il-mistoqsija mhijiex biss jekk it-tfal tg\u0127allmux xi \u0127a\u0121a llum, i\u017cda jekk humiex qed jikbru b\u0127ala membri \u0127ajjin tal-komunit\u00e0 Nisranija.<\/p>\n\n<p>Il-kateke\u017ci g\u0127andha twassal g\u0127al esperjenza ta\u2019 Knisja, ta\u2019 komunit\u00e0 li fiha kull persuna t\u0127ossha milqug\u0127a, akkumpanjata, apprezzata u responsabbli.<\/p>\n\n<p>Il-Papa jfakkarna fil-\u0127tie\u0121a li no\u0127olqu komunitajiet li ma jkunux sempli\u010bement gruppi ta\u2019 nies li jiltaqg\u0127u biex iwettqu xi attivit\u00e0, i\u017cda postijiet fejn jinbnew relazzjonijiet veri. Dan jg\u0127odd ukoll g\u0127all-klassijiet tag\u0127na tal- kateke\u017ci. Klassi tal- kateke\u017ci m\u2019g\u0127andhiex tkun biss grupp ta\u2019 tfal li jiltaqg\u0127u regolarment. G\u0127andha tkun komunit\u00e0 \u017cg\u0127ira li fiha jitg\u0127allmu jisimg\u0127u lil xulxin, ja\u0127fru, jaqsmu, jitolbu u jie\u0127du \u0127sieb xulxin. G\u0127andha tkun esperjenza fejn kull tifel u tifla j\u0127ossu li g\u0127andhom post, li huma importanti u li jistg\u0127u jikkontribwixxu.<\/p>\n\n<p>Dan jitlob minna li kultant nibdlu l-perspettiva tag\u0127na. Minflok niffukaw biss fuq kif se n\u017commu l-kontroll tal-klassi, nibdew na\u0127sbu kif nistg\u0127u no\u0127olqu ambjent fejn it-tfal i\u0127ossuhom parti minn komunit\u00e0. Minflok ninkwetaw biss jekk g\u0127amilniex dak li ppjanajna, nistaqsu jekk g\u0127enniex lit-tfal jikbru fil-fidi. Minflok naraw lit-tfal li ma jipparte\u010bipawx b\u0127ala problema, nippruvaw nifhmu kif nistg\u0127u ng\u0127inuhom isibu posthom.<\/p>\n\n<p>U rridu niftakru wkoll li l-kateke\u017ci ma tistax tibqa\u2019 limitata g\u0127all-\u0127itan tal-kamra fejn niltaqg\u0127u. It-tfal jg\u0127ixu f\u2019familji, f\u2019ambjent so\u010bjali u f\u2019dinja li qed tinbidel kontinwament. Xi w\u0127ud minnhom jg\u0127ixu f\u2019familji fejn il-fidi hija parti mill-\u0127ajja ta\u2019 kuljum, filwaqt li o\u0127rajn \u0121ejjin minn familji fejn il-\u0121enituri g\u0127andhom relazzjoni aktar imbieg\u0127da mal-Knisja. Xi tfal i\u0121orru mag\u0127hom diffikultajiet familjari, solitudni, nuqqas ta\u2019 attenzjoni jew nuqqas ta\u2019 sigurt\u00e0.<\/p>\n\n<p>Ma nistg\u0127ux ninjoraw din ir-realt\u00e0. Irridu nitg\u0127allmu nisimg\u0127u, nifhmu u nakkumpanjaw. Il-katekista mhuwiex persuna li g\u0127andha t-twe\u0121ibiet kollha, i\u017cda persuna li timxi mat-tfal u tg\u0127inhom jiskopru kif l-Evan\u0121elju jista\u2019 jdawwal il-\u0127ajja tag\u0127hom.<\/p>\n\n<p>U din il-missjoni ma tistax tkun tag\u0127na biss. G\u0127andna b\u017conn il-familji, il-komunit\u00e0 parrokkjali, il-qassisin, il-katekisti l-o\u0127ra u dawk kollha li g\u0127andhom responsabbilt\u00e0 fit-trobbija Nisranija tat-tfal. Il-fidi ma tistax ting\u0127ex b\u0127ala esperjenza i\u017colata. G\u0127andha b\u017conn komunit\u00e0 li tag\u0127tiha l-\u0127ajja u tg\u0127inha tikber.<\/p>\n\n<p>Hu fi \u0127dan komunit\u00e0 li nistg\u0127u nifhmu aktar it-tfal infushom. Nistg\u0127u naraw tifel li ma jag\u0127tix kas, tifla li ma tipparte\u010bipax, \u017cag\u0127\u017cug\u0127 li jidher indifferenti jew \u0121enituri li ma jikkoperawx, u malajr naslu g\u0127al konklu\u017cjonijiet dwarhom. I\u017cda kemm-il darba nieqfu u nistaqsu x\u2019jista\u2019 jkun hemm wara l-im\u0121iba tag\u0127hom? X\u2019qed i\u0121orru mag\u0127hom? X\u2019qed iwe\u0121\u0121ag\u0127hom? X\u2019qed ifittxu? X\u2019qed jonqoshom?<\/p>\n\n<p>Huwa possibbli li tifel li jidher bla interess ikun qed jg\u0127ix sitwazzjoni diffi\u010bli fil-familja. Forsi tifla li ma titkellimx g\u0127andha b\u017conn biss li xi \u0127add jag\u0127tiha ftit attenzjoni. Forsi \u017cag\u0127\u017cug\u0127 li juri indifferenza jkun qed jistaqsi mistoqsijiet profondi dwar il-\u0127ajja, i\u017cda ma jafx ma\u2019 min jista\u2019 jaqsamhom. Il-katekista huwa msejja\u0127 biex jara aktar minn dak li jidher minn barra. Huwa msejja\u0127 biex ikollu qalb li taf tisma\u2019, li ma ti\u0121\u0121udikax malajr u li tipprova tifhem.<\/p>\n\n<p>I\u017cda hemm \u0127a\u0121a o\u0127ra li rridu nitg\u0127allmu fil-bini tal-komunit\u00e0. B\u0127alma \u0120es\u00f9 sejja\u0127 lil Marija b\u2019isimha, hekk a\u0127na wkoll g\u0127andna nkunu kapa\u010bi nag\u0127rfu u nsej\u0127u lit-tfal b\u2019isimhom. A\u0127sbu ftit fit-tfal li ji\u0121u g\u0127andkom. Kemm hu importanti li fil-katekisti jiltaqg\u0127u ma\u2019 persuni li jarawhom, jag\u0127rfuhom u jag\u0127tuhom l-importanza li jist\u0127oqqilhom. Tifel li j\u0127ossu mag\u0127ruf jibda j\u0127ossu li g\u0127andu post. Tifla li t\u0127oss li xi \u0127add qed jismag\u0127ha tista\u2019 tibda tifta\u0127 qalbha. \u017bag\u0127\u017cug\u0127 li j\u0127oss li xi \u0127add jemmen fih jista\u2019 jer\u0121a\u2019 jibda jemmen fih innifsu u forsi anki f\u2019Alla.<br\/><\/p>\n\n<p>L-ewwel kateke\u017ci li nag\u0127tu mhijiex fil-kontenut ta\u2019 dak li ng\u0127idu, i\u017cda fil-mod kif niltaqg\u0127u mat-tfal bil-pre\u017cenza tag\u0127na \u2013 fejn il-mod kif a\u0127na nilqg\u0127uhom, nisimg\u0127uhom u nag\u0127tuhom importanza jkun g\u0127alihom esperjenza tal-im\u0127abba ta\u2019 Alla.<\/p>\n\n<p><strong>Il-mistoqsija \u201cG\u0127aliex?\u201d \u2013 Nag\u0127mlu valutazzjoni tal-kateke\u017ci tag\u0127na <\/strong><\/p>\n\n<p>Fil-messa\u0121\u0121 tieg\u0127u, il-Papa jag\u0127mel enfasi fuq il-\u0127tie\u0121a li l-Knisja titg\u0127allem tag\u0127mel valutazzjoni ta\u2019 dak li qed tag\u0127mel. Mhux biex tikkritika lilha nnifisha bla b\u017conn, mhux biex i\u017c\u017cid aktar xog\u0127ol u mhux biex to\u0127loq inizjattivi o\u0127ra. I\u017cda biex tieqaf, t\u0127ares lejn ir-realt\u00e0 u tistaqsi x\u2019qed jag\u0127ti l-frott, x\u2019g\u0127andu jinbidel u x\u2019jista\u2019 jg\u0127in aktar lill-missjoni tag\u0127ha.<\/p>\n\n<p>Na\u0127seb li din hija stedina importanti \u0127afna g\u0127alina l-katekisti. Kultant tant inkunu mdorrijin nag\u0127mlu l-istess affarijiet li lanqas biss nieqfu nistaqsu g\u0127aliex qed nag\u0127mluhom. In\u017commu \u010berti metodi g\u0127ax hekk konna tg\u0127allimna. Nirrepetu attivitajiet g\u0127ax dejjem g\u0127amilniehom. Inkomplu bl-istess mod ta\u2019 kif na\u0127dmu g\u0127ax hekk sirna mdorrijin, dejjem hekk sar. I\u017cda l-mistoqsija hija jekk dawn l-affarijiet g\u0127adhomx jg\u0127inu lit-tfal tag\u0127na jiltaqg\u0127u ma\u2019 \u0120es\u00f9 llum.<\/p>\n\n<p>Il-Papa jistedinna nistaqsu \u201cG\u0127aliex?\u201d. G\u0127aliex qed nag\u0127mlu din l-attivit\u00e0? G\u0127aliex qed nag\u0127\u017clu dan il-metodu? G\u0127aliex xi tfal qed i\u0127ossuhom qrib il-Knisja filwaqt li o\u0127rajn qed jitbieg\u0127du? G\u0127aliex xi tfal jistennew bil-\u0127erqa l-laqg\u0127a tal-kateke\u017ci filwaqt li o\u0127rajn ji\u0121u biss g\u0127ax iridu l-\u0121enituri? G\u0127aliex hemm tfal li wara li jir\u010bievu s-sagramenti jibqg\u0127u jipparte\u010bipaw fil-\u0127ajja tal-parro\u010b\u010ba, filwaqt li \u0127afna o\u0127rajn ma jer\u0121g\u0127ux lura?<\/p>\n\n<p>Dawn mhumiex mistoqsijiet li g\u0127andhom i\u0121eg\u0127luna n\u0127ossuna \u0127atja. Huma mistoqsijiet li juruna aktar ir-realt\u00e0 u jistg\u0127u jg\u0127inuna nikbru u nsiru aktar konxji tal-missjoni tag\u0127na.<\/p>\n\n<p>F\u2019din il-valutazzjoni, l-ewwel \u0127a\u0121a li g\u0127andna nirriflettu fuqha hija jekk il-kateke\u017ci tag\u0127na hix tassew qed tg\u0127in lit-tfal jiltaqg\u0127u ma\u2019 \u0120es\u00f9. Forsi xi drabi nkunu tant iffukati fuq il-kontenut li rridu nwasslu li ninsew il-qalba tal-messa\u0121\u0121. It-tieni \u0127a\u0121a hija jekk a\u0127niex qed nibnu relazzjonijiet u komunitajiet, jekk it-tfal i\u0127ossuhomx milqug\u0127a u jekk jistg\u0127ux jesprimu d-dubji tag\u0127hom ming\u0127ajr ma jib\u017cg\u0127u li ji\u0121u \u0121\u0121udikati. It-tielet \u0127a\u0121a hija jekk il-kateke\u017ci hix tg\u0127inhom jg\u0127ixu l-fidi tag\u0127hom fil-\u0127ajja ta\u2019 kuljum, fil-mod kif jittrattaw lil xulxin, fil-familja, fl-iskola u fis-so\u010bjet\u00e0. U naturalment, irridu nistaqsu dejjem jekk a\u0127na stess g\u0127adniex nikbru b\u0127ala dixxipli u xhieda.<\/p>\n\n<p>G\u0127ax il-frott veru tal-kateke\u017ci huwa l-fidi li tikber, il-qalb li tinbidel, ir-relazzjoni ma\u2019 \u0120es\u00f9 li tissa\u0127\u0127a\u0127 u l-\u0127ajja li ssir aktar evan\u0121elika.<\/p>\n\n<p>Madankollu, irridu niftakru li dan il-frott mhux dejjem narawh mill-ewwel. Xi drabi nkunu a\u0127na li naraw ir-ri\u017cultat tax-xog\u0127ol tag\u0127na, i\u017cda drabi o\u0127ra jkun hemm min ji\u0121i warajna u ja\u0127sad dak li nkunu \u017crajna. Meta nfittxu verament lil \u0120es\u00f9, minnu nitg\u0127allmu li l-\u0127idma tag\u0127na fil-kateke\u017ci hi b\u0127al min ji\u017cra\u2019 \u017c-\u017cerrieg\u0127a. Mhux dejjem taqa\u2019 f\u2019art tajba \u2013 \u0121ieli fil-mog\u0127dija, fuq il-blat, jew qalb ix-xewk (ara Mt 13:4-8).  A\u0127na ni\u017cirg\u0127u, i\u017cda huwa Alla li jkabbar. G\u0127alhekk ma g\u0127andniex naqtg\u0127u qalbna jekk ma narawx immedjatament il-frott li nixtiequ. Il-missjoni tag\u0127na hija li nkunu fidili, li na\u0127dmu b\u2019im\u0127abba u li n\u0127allu lil Alla jag\u0127mel il-\u0127idma tieg\u0127u.<\/p>\n\n<p><strong>Ma nfittxux sempli\u010biment li nag\u0127mlu aktar, imma nag\u0127mlu a\u0127jar<\/strong><\/p>\n\n<p>Hemm punt ie\u0127or mill-messa\u0121\u0121 tal-Papa Ljun XIV li nixtieq nenfasizza. Huwa jfakkarna li l-valutazzjoni pastorali m\u2019g\u0127andhiex issir pi\u017c ie\u0127or fuq spallejn dawk li di\u0121\u00e0 qed ja\u0127dmu. G\u0127all-kuntrarju, g\u0127andha tg\u0127inna, fejn hu l-ka\u017c, li nag\u0127mlu inqas, i\u017cda nag\u0127mluh a\u0127jar.<\/p>\n\n<p>Din hija kelma li g\u0127andna b\u017conn nisimg\u0127uha b\u0127ala katekisti. G\u0127ax nafu kemm il-ministeru tag\u0127na jista\u2019 jkun impenjattiv. Il-preparazzjoni tal-lezzjonijiet, il-laqg\u0127at, l-attivitajiet, il-komunikazzjoni mal-\u0121enituri, il-formazzjoni u l-\u0127ti\u0121ijiet differenti tat-tfal. Kultant in\u0127ossu li qatt mhu bi\u017c\u017cejjed u li dejjem hemm xi \u0127a\u0121a o\u0127ra x\u2019nag\u0127mlu.<\/p>\n\n<p>I\u017cda \u0120es\u00f9 mhux qed jitlobna nkunu supereroj. Mhux qed jitlobna nag\u0127mlu kollox u dejjem infittxu li nag\u0127mlu aktar. Qed jitlobna nkunu xhieda fidili tal-im\u0127abba tieg\u0127u. Ma rridux ninsew li mhux kollox jiddependi minna. Ma rridux in\u0127ossuna li rridu nsolvu kull problema, inwie\u0121bu kull mistoqsija u nikkontrollaw kull sitwazzjoni. Irridu nitg\u0127allmu nafdaw f\u2019Alla, na\u0127dmu flimkien u naqsmu r-responsabbiltajiet.<\/p>\n\n<p>Kateketista wa\u0127du jista\u2019 jag\u0127mel \u0127afna \u0121id, i\u017cda komunit\u00e0 ta\u2019 katekisti li jitolbu flimkien, jitg\u0127allmu flimkien u jappo\u0121\u0121jaw lil xulxin tista\u2019 ssir xhieda ferm aktar qawwija.<\/p>\n\n<p>G\u0127alhekk ma g\u0127andniex nib\u017cg\u0127u nitolbu l-g\u0127ajnuna, nammettu li hemm affarijiet li ma nafux jew nibdlu metodi li m\u2019g\u0127adhomx qed jag\u0127tu l-frott. Lanqas ma g\u0127andna ninsew li l-katekisti g\u0127andhom b\u017conn ji\u0121u akkumpanjati, im\u0127e\u0121\u0121a u ffurmati. Min jg\u0127allem g\u0127andu b\u017conn jibqa\u2019 jitg\u0127allem. Min jag\u0127ti g\u0127andu b\u017conn ukoll jir\u010bievi.<\/p>\n\n<p><strong>\u201cRajt lill-Mulej!\u201d \u2013 Il-katekisti b\u0127ala xhieda<\/strong><\/p>\n\n<p>Ner\u0121g\u0127u lura g\u0127al Marija ta\u2019 Magdala. Wara li \u0120es\u00f9 jsej\u0127ilha b\u2019isimha, hi tag\u0127rfu u tmur t\u0127abbar lid-dixxipli: \u201cRajt lill-Mulej!\u201d Din il-fra\u017ci hija qasira, i\u017cda fiha l-qalba tal-missjoni Nisranija. Marija ma tg\u0127idx sempli\u010bement li semg\u0127et dwar \u0120es\u00f9 jew li tg\u0127allmet xi \u0127a\u0121a \u0121dida dwaru. Tg\u0127id li ltaqg\u0127et mieg\u0127u. Hija esperjenzat il-pre\u017cenza tieg\u0127u. U din l-esperjenza tant imlitilha qalbha li ma setg\u0127etx tibqa\u2019 siekta.<\/p>\n\n<p>Hawnhekk tinsab id-differenza bejn persuna li sempli\u010bement twassal tag\u0127lim u persuna li tag\u0127ti xhieda. Il-katekista mhuwiex mistenni jkun perfett. Lanqas li jkollu \u0127ajja ming\u0127ajr problemi. I\u017cda g\u0127andu jkun persuna li tista\u2019 tg\u0127id, bl-onest\u00e0 kollha, li ltaqg\u0127et mal-Mulej, li huwa fi\u010b-\u010bentru ta\u2019 \u0127ajjitha u li g\u0127adha qed titg\u0127allem timxi warajh.<\/p>\n\n<p>It-tfal tag\u0127na g\u0127andhom b\u017conn jaraw dan. G\u0127andhom b\u017conn jaraw katekisti li jitolbu mhux biss biex jibdew lezzjoni, i\u017cda g\u0127ax jemmnu fit-talb. Katekisti li ja\u0127fru u jitolbu ma\u0127fra, li juru rispett u li j\u0127obbu. Katekisti li ma jitkellmux biss dwar il-kompassjoni ta\u2019 Alla, i\u017cda juruha fil-mod kif jittrattaw lill-o\u0127rajn. Katekisti li ma jitkellmux biss dwar il-fer\u0127 tal-G\u0127id, i\u017cda juru dan il-fer\u0127 u jippruvaw ikunu sinjali ta\u2019 tama wkoll fil-mumenti diffi\u010bli.<\/p>\n\n<p>Dan ma jfissirx li g\u0127andna na\u0127bu d-dg\u0127ufijiet tag\u0127na jew nippretendu li g\u0127andna s-soluzzjonijiet kollha. G\u0127all-kuntrarju, xi drabi x-xhieda tag\u0127na ssir aktar awtentika meta t-tfal jaraw li a\u0127na wkoll qed nit\u0127abtu, li li kultant ni\u017cbaljaw, i\u017cda li dejjem ner\u0121g\u0127u nduru lejn \u0120es\u00f9 li jilqag\u0127na g\u0127ax i\u0127obbna. G\u0127ax fl-a\u0127\u0127ar mill-a\u0127\u0127ar, it-tfal jistg\u0127u jinsew \u0127afna mill-kliem tag\u0127na, i\u017cda diffi\u010bli jinsew persuna li b\u2019im\u0127abbitha g\u0127enithom i\u0127ossu li Alla j\u0127obbhom.<\/p>\n\n<p>Il-katekisti huma msej\u0127a biex bix-xhieda ta\u2019 \u0127ajjithom jg\u0127idu: \u201cRajt lill-Mulej!\u201d U permezz ta\u2019 din ix-xhieda jg\u0127inu lil o\u0127rajn jiskopru li \u0120es\u00f9 huwa \u0127aj, li jinsab qrib tag\u0127hom u li qieg\u0127ed isej\u0127ilhom ukoll.<\/p>\n\n<p><strong>Impenn personali: Lil min qeg\u0127din infittxu?<\/strong><\/p>\n\n<p>Nixtieq nag\u0127laq din ir-riflessjoni billi ner\u0121g\u0127u lura lejn il-\u0121nien fejn hemm Marija ta\u2019 Magdala. Nistedinkom nimma\u0121inaw lil \u0120es\u00f9 Rxoxt quddiemna. Huwa ma \u0121iex biex ji\u0121\u0121udikana. Ma \u0121iex biex jistaqsina kemm-l attivit\u00e0 organizzajna jew kemm konna effi\u010bjenti fil-\u0127idma tag\u0127na. Huwa \u0121ie biex jiltaqa\u2019 mag\u0127na, biex jisma\u2019 qalbna u biex jer\u0121a\u2019 jsej\u0127ilna b\u2019isimna. U jistaqsi wkoll lilna: \u201cLil min qeg\u0127din tfittxu?\u201d<\/p>\n\n<p>Illum irridu nwe\u0121buh bl-onest\u00e0 kollha li kultant infittxu aktar li nirnexxu fil-\u0127idma tag\u0127na milli nfittxu lilu. Kultant infittxu l-apprezzament tal-o\u0127rajn aktar milli l-pre\u017cenza tieg\u0127u. Kultant nit\u0127abtu biex ng\u0127allmu lit-tfal, i\u017cda ninsew li a\u0127na wkoll g\u0127andna b\u017conn nitg\u0127allmu ming\u0127andu. Kultant tant inkunu m\u0127assba dwar dak li rridu nag\u0127mlu li ninsew g\u0127aliex ori\u0121inarjament sej\u0127ilna. I\u017cda llum g\u0127andna l-opportunit\u00e0 ner\u0121g\u0127u lura lejn l-g\u0127ajn tal-vokazzjoni tag\u0127na. Nistg\u0127u ng\u0127idulu li rridu nibqg\u0127u nfittxuh, li rridu niltaqg\u0127u mieg\u0127u mill-\u0121did, li rridu nisimg\u0127u le\u0127nu u li rridu n\u0127alluh isej\u0127ilna b\u2019isimna. Irridu nkunu katekisti li jg\u0127inu lil dawk li afdalna f\u2019idejna jiskopru li \u0120es\u00f9 wkoll qed isej\u0127ilhom.<\/p>\n\n<p>Nixtieq li no\u0127or\u0121u minn din ir-riflessjoni mhux bl-ideja li g\u0127andna \u0127afna aktar affarijiet x\u2019nag\u0127mlu, imma b\u2019qalb aktar miftu\u0127a g\u0127al \u0120es\u00f9 u b\u2019xewqa m\u0121edda li nimxu warajh.<\/p>\n\n<p>Il-missjoni tag\u0127na hija li ng\u0127inu lill-o\u0127rajn isibu lil \u0120es\u00f9, jag\u0127rfu li hu j\u0127obbhom u jitg\u0127allmu jimxu warajh. I\u017cda dan jista\u2019 jse\u0127\u0127 biss jekk a\u0127na stess nibqg\u0127u nfittxuh kuljum. G\u0127ax qabel ma nkunu katekisti, irridu nibqg\u0127u nkunu dixxipli. Qabel ma nwasslu lil \u0127addie\u0127or g\u0127and Kristu, irridu nkunu a\u0127na stess nies li niltaqg\u0127u mieg\u0127u.<\/p>\n\n<p>\u2720 Joseph Galea-Curmi<br\/>Isqof Aw\u017ciljarju<\/p>\n\n<p>Laqg\u0127a g\u0127all-Katekisti &#8211; 18 ta\u2019 Novembru 2026<br\/>Auditorium MUSEUM, Blata l-Bajda<br\/><\/p>\n","protected":false},"excerpt":{"rendered":"<p><strong>Is-sej\u0127a tal-katekist illum<\/strong>  <\/p>\n<p>Nixtieq nibda din ir-riflessjoni billi nag\u0127mlilkom l-istess stedina li g\u0127amel il-Papa Ljun XIV fl-Assemblea Djo\u010besana ta\u2019 Ruma, ftit \u0121img\u0127at ilu. Nid\u0127lu fil-\u0121rajja rrakkunata fl-Evan\u0121elju skont San \u0120wann: fl-ewwel jum tal-\u0121img\u0127a, kmieni filg\u0127odu, meta kien g\u0127adu d-dlam, fil-\u0121nien fejn jinsab il-qabar ta\u2019 \u0120es\u00f9. Hemmhekk insibu lil Marija ta\u2019 Magdala. Hija waslet kmieni \u0127afna, meta d-dawl kien g\u0127adu ma fe\u0121\u0121x g\u0127al kollox.<\/p>\n","protected":false},"author":1,"featured_media":3625,"comment_status":"closed","ping_status":"closed","sticky":false,"template":"","format":"standard","meta":{"footnotes":""},"categories":[2],"tags":[],"class_list":["post-3627","post","type-post","status-publish","format-standard","has-post-thumbnail","hentry","category-uncategorized-mt"],"_links":{"self":[{"href":"https:\/\/katekezi.mt\/mt\/wp-json\/wp\/v2\/posts\/3627","targetHints":{"allow":["GET"]}}],"collection":[{"href":"https:\/\/katekezi.mt\/mt\/wp-json\/wp\/v2\/posts"}],"about":[{"href":"https:\/\/katekezi.mt\/mt\/wp-json\/wp\/v2\/types\/post"}],"author":[{"embeddable":true,"href":"https:\/\/katekezi.mt\/mt\/wp-json\/wp\/v2\/users\/1"}],"replies":[{"embeddable":true,"href":"https:\/\/katekezi.mt\/mt\/wp-json\/wp\/v2\/comments?post=3627"}],"version-history":[{"count":1,"href":"https:\/\/katekezi.mt\/mt\/wp-json\/wp\/v2\/posts\/3627\/revisions"}],"predecessor-version":[{"id":3628,"href":"https:\/\/katekezi.mt\/mt\/wp-json\/wp\/v2\/posts\/3627\/revisions\/3628"}],"wp:featuredmedia":[{"embeddable":true,"href":"https:\/\/katekezi.mt\/mt\/wp-json\/wp\/v2\/media\/3625"}],"wp:attachment":[{"href":"https:\/\/katekezi.mt\/mt\/wp-json\/wp\/v2\/media?parent=3627"}],"wp:term":[{"taxonomy":"category","embeddable":true,"href":"https:\/\/katekezi.mt\/mt\/wp-json\/wp\/v2\/categories?post=3627"},{"taxonomy":"post_tag","embeddable":true,"href":"https:\/\/katekezi.mt\/mt\/wp-json\/wp\/v2\/tags?post=3627"}],"curies":[{"name":"wp","href":"https:\/\/api.w.org\/{rel}","templated":true}]}}